Palazzi

Il-Palazz tal-Inkwiżitur

Wieħed mill-akbar binjiet fil-Birgu huwa l-Palazz tal-Inkwiżitur. Mibni oriġinarjament mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ftit wara l-wasla tagħhom fl-1530 bħala Qrati tal-Liġi, il-bini beda jintuża bħala l-Palazz tal-Inkwiżitur mill-1574 ’l quddiem. Il-bini oriġinali kien żgħir, u ġie mkabbar matul iż-żmien mill-Inkwiżituri li ġew Malta. Iċ-ċelel tal-ħabs żdiedu wkoll. Il-Palazz kien il-Qrati tat-Tribunal Imqaddes, iżda kien ukoll l-uffiċċji tal-istess tribunal, il-ħabs, kif ukoll ir-residenza tal-Inkwiżitur ta’ dak iż-żmien. 

Il-bini preżenti jmur lura għas-seklu 18, meta ngħata l-permess biex il-palazz jitkabbar u jingħata faċċata aktar estetika. Il-binja intużat mill-persunal militari Ingliż għal numru ta’ snin qabel ma ngħatat lid-Dipartiment tal-Mużewijiet wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Patrijiet Dumnikani għamlu użu mill-palazz bħala knisja u kunvent temporanji wara li l-binjiet tagħhom stess inqerdu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Illum huwa miftuħ bħala Mużew.